You are here: Home Liturġija

Liturġija

Liturġija ta' nhar ta' Ħadd matul is-sena

Tlugħ il-Mulej fis-Sema

Il-Mulej Ġesù kien imtella’ s-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.

L-Ewwel Qari

Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien
għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud
fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu
lill-appostli li hu kien għażel.
Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj;
f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ
tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma
jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ
il-wegħda tal-Missier, "li fuqha – qalilhom – smajtu x’kont
għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra
titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu."
Kif kienu flimkien staqsewh: "Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se
terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?" Hu weġibhom: "Mhijiex biċċa
tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa
tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu
l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha
u s-Samarija u sa truf l-art."
Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba
ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.
Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa
waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom:
"Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien
meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer."

Salm Responsorjali

Rl. : Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ

Popli kollha, ċapċpu jdejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. Rl.

Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. Rl.

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. Rl.

It-Tieni Qari

Naslu fl-aħjar taż-żmien biex isseħħ il-milja ta’ Kristu.

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa
skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha,
bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex
iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ
waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed,
fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd,
li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.
Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qjies tad-don ta’
Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: "Tela’": xi jfisser dan għajr
li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t’isfel tal-art? Dak li niżel huwa
dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox.
U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti,
lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin: Hekk
jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini
tal-Ġisem ta’ Kristu, sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa
waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul,
fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu.

Hallelujah. Rl. Hallelujah
Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.
Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.
Rl. Hallelujah

Evanġelju

Il-Mulej Ġesù kien imtella’ s-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: "Morru
fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen
u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.
U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu
x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk
jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu
idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu."
U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u
qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.
Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem
magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.
Merħba

Din hija s-sit uffiċċjali tal-Parroċċa ta' San Pietru fil-Ktajjen Birżebbuġa

Ħinijiet tal-Quddiesa

Ħdud u Festi:

6.00, 7.00, 8.00, 9.00, 11.00 am; 5.30 pm fix-xitwa; 6.00 pm fis-sajf

Sibtijiet fil-għaxija:

5.30, 6.30 pm (Minn Lulju sa Settembru: 5.30, 6.30, 7.30 pm)

Matul il-ġimgħa:

6.00, 7.00, 7.45, 8.30 am and 6.30 pm

Ħinijiet ta' l-Uffiċċju Parrokkjali

It-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa

Mid-9.00 am sal-10.30 am

It-Tlieta u l-Ħamis

Mis-6.00 pm sas-6.45 pm

 

 

Suġġerimenti 100 Sena Parroċċa

Fid-9 ta’ Settembru 2013, il-Parroċċa tiċċelebra l-100 sena mit-twaqqif tagħha.

Inħeġġukom tibagħtu s-suġġerimenti tagħkom fl-indirizz suggestions@bugaparish.org jew lill-Uffiċċju Parrokkjali għall-konsiderazzjoni tal-Grupp 100 sena Parroċċa B’Buġa.

Kull korrispondenza tiġi trattata b’mod kunfidenzjali.

Kompetizzjoni Logo / Mużika
« May 2012 »
May
SuMoTuWeThFrSa
12345
6789101112
13141516171819
20212223242526
2728293031